IRRID INLELLEX
Fuq id-diżinn tas-set ta’ Każin tal-Imqarbin
Kemm ħassejtni safe jien u ndur u nitla’ u ninżel, niżfen fost dawk sħabi ġodda. Konna f’nofs diskoteka Għawdex. Kemm striħajt. Kemm daru fuqna bozzoz u kemm ħadet gost Tonina ta’ wara il-bar. Id-dawl, id-dawl kollox. Kollox dawl.
Il-post kienu ilhom ma jduruh mid-disgħinijiet u għalhekk kien perfett. Sa fejn naf jien hekk għadu. Nispera li hekk għadu. L-għabex bilkemm kont tarah għax it-twieqi wkoll kellhom qisu filtru. Xaqq ta’ dawl biss kien jidħol għax dawk li jpejpu qas għal sigarett ma kienu joħorġu. Il-mirja tal-ħitan kienu bħal qishom iduru magħna. Jiftħu u jagħlqu biex jagħtuna lkoll ċans nidhru. Qisna xeni f’film għaddej—kull wieħed minna kellu ħinu. Dak li ma konniex nagħmlu barra għamilnih hemm ġew. Lanqas kien gay bar, imma kien postna.
Kulħadd kien ikun hemm. Kull min fehem li kellna bżonn post fejn nidhru. Kull min riedna nidhru u nlellxu, u ried jidher u jlellex magħna. Kien post sesswali. Mhux omosesswali, mhux eterosesswali. Post sesswali għax il-ħbiberija kienet intima u d-dawl dawwalna f’daqqa. Tirżah int u ħiereġ, u tistgħaġeb għax fadlilna għad-darba li jmiss. Konna nirreferu għalih bħala ‘Pjeċir’. Għax dak li kien. Ridt l-art tiblgħani meta rajt ir-ritratti l-għada. Imma ridt l-ħin jobżoqni lura biex nerġa’ nsib dak id-dawl.
Dik id-disco ball kienet tirrifletti kollox imma mhux b’mod ċar bħal meta tħares f’mera. Minflok ixxerrdek mal-ispazju kollu. Dawl li qisu jaf li trid tlellex u bla sforz ta’ xejn jgħinek tagħmilha. Id-dawl, id-dawl kollox. Kollox dawl.
—
Ma batejnix. Sibna post, użajnih u kbirna. Imma ma batejnix. Għadu hemm, u ‘pjeċir’ għadna nieħdu imma ’l hemmhekk m’għadniex nersqu. Ilkoll għadna nferfru. Induru u niżfnu bnadi oħra, imma kollha għadna hawn.
Meta kellimni Luke [Saydon] mill-ewwel moħħi mar għal dik id-diskoteka Għawdex. Għal dak il-pjeċir. Kemm bniena u kemm swiena. Sakemm kbirna u ma ridniex post għalina biss. Meta saflaħħar lellixna imma fost nies li ma konniex nafu. Nies li kellhom bżonn jarawna.
Ix-xenarju tal-każin kien post fejn batew. Daru, u telgħu u niżlu u żifnu. Imma batew. Sabu fejn ilellxu u mbagħad wieħed wieħed, sfaxxew. Għall-anqas il-pjeċir tagħna stajna nkompluh.
Illum meta noħroġ ma dawk ħafna iżgħar minni qas idea m’għandhom ta’ kemm batew qabilhom. Iridu jlellxu. Isibu kif ilellxu, imma bħal donnhom ma jafux min l-ewwel xegħel id-dawl. Nistħajjilhom bħal ommi tibki fl-udjenza l-ewwel serata. L-istorja tentufiet biss kienet taf minnha qabel dakinhar.
Ix-xenarju ppjanajtu biex ikun bħal qisu disco ball. Sfera ta’ ħġejjeġ żgħar li jirriflettu imma li jkabbru u jestendu d-dawl mal-ħitan kollha. Kull dawra li nagħmlu aħna—li għamlu huma, li jagħmlu iktar u iktar ż-żgħar illum—idur magħha dak id-dawl. Ilellxu, u aħna magħhom.
—
Id-darba l-oħra, wieħed miż-żgħar li jlellex iktar mill-oħrajn qalli li undetectable positive. U mill-ewwel dort lura lejn din l-istorja. Ħloqtu dax-xenarju mhux għax jien kont wieħed minn dawk li Luke kiteb dwarhom, u lanqas m’jien dan iż-żgħir, erbgħin sena wara. Imma għax id-dawl lellixt fih bla ma kelli bżonn nibża’ jew inbati, u issa fil-każin ridt inxerrdu jien ukoll.
Id-dawl, id-dawl kollox. Kollox dawl.
Performance photos by Lindsey Bahia